MONUMENTI / MONUMENTS

Musulew Spencer

Dan il-mafkar twaqqaf fl-1830 mill-ekwipaġġ tal-fregata Navali Ingliża Madagascar f’ġieħ il-kaptan tagħha, Sir Robert Cavendish Spencer, li kien miet f’Lixandra.

Il-kitba li hemm fuqu tgħid li Spencer miet fuq il-vapur f’Lixandra fl-4 ta’ Novembru, 1830 u ndifen il-Belt fit-12 ta’ Diċembru. Minħabba li kien hemm kwarantina fuq il-vapur, inżamm 40 jum f’Lazaretto u wara ndifen fis-Sur ta’ San Mikiel, il-Belt Valletta. Dan is-sur kien ingħata l-isem ta’ Spencer Bastion. Sħabu waqqfu dan il-monument b’forma ta’ musulew għoli ħafna f’Marzu tal-1893. Oriġinarjament dan kien fuq l-għolja ta’ Kordin imma kien tneħħa minn fejn kien u tqiegħed fejn hu llum.

Sir Robert Spencer kien iben Eral Spencer u l-Kontessa Livana. Minbarra karriera qasira fin-Navy Ingliża, minħabba li miet fl-età ta’ 39 sena, serva ukoll bħala segretarju privat tar-Re William IV.

Dan il-monument ġie ddisinjat mill-arkitett Giorgio Pullicino. Fil-proġett tal-fly-over tal-Blata l-Bajda, dan il-musulew sab ruħu fin-nofs bla ma nħatt, kontra dak li ħasbu xi wħud. F’Ottubru tal-1975 sajjetta laqtet il-parti tiegħu ta’ fuq u ġarrfitha.

Dan il-monument fl-1998 ġie restawrat minn Mizzi Organisation billi fil-gwerra ġarrab xi ħsarat minħabba ta’ splinters tal-bombi li waqgħu ħdejh. Ix-xogħol tiegħu nbeda nhar l-Erbgħa, 17 ta’ Diċembru, 1997, b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Ħamrun. Preżenti kien hemm il-Ministru tal-Edukazzjoni, is-Sur Evarist Bartolo, Dr Peter Attard, is-Sindku tal-Ħamrun u d-Direttur ta’ Mizzi Organisation.

Monument ta’ Fra Diegu

Fil-Ħamrun nistgħu ngħidu li hawn żewġ monument dedikati lil Fra Diego Bonanno: dak li jinsab fi Pjazza San Pawl u l-ieħor, l-istitut li jġib ismu fi Triq Villambrosa. Fra Diegu ma kellux ix-xorti li jara dan l-istitut lest minħabba li miet ftit qabel, fl-1902.

Fra Diego twieled il-Belt Valletta fl-1833. Fl-età ta’ 25 sena, fl-28 ta’ Ġunju, 1858, ingħaqad bħala ajk mal-patrijiet Franġiskani Minuri u pprofessa fil-15 ta’ Lulju, 1862. Matul ħajtu huwa ħadem ħafna fost il-familji fqar u tfal iltiema.

Fil-14 ta’ Ottubru, 1932, f’Misraħ San Pawl fil-Ħamrun ġie inawgurat monument f’Misraħ San Pawl lil Fra Diegu – bniedem kbir f’qalbu, ħanin, karitattiv u li meta miet, Malta kollha bkietu. Bit-tħabrik tiegħu kien sar l-istitut li għadu sal-lum iġib ismu. Iċ-ċerimonja kienet inżammet fil-preżenza tal-Ministri; is-Senaturi; id-Deputati Parlamentari; rappreżentanti tal-Kleru u t-tfal tal- istitut li kien waqqaf huwa stess. Il-monument inkixef mill-Gvernatur u ġie mbierek mill-Isqof. Id-diskors tal-okkażjoni sar mil-President tal-Qorti, Sir Arturo Mercieca, u l-banda San Ġużepp daqqet innu miktub apposta mis-Surmast C. Camilleri. Il-monument sar mill-iskultur Vincent Apap, u biex tqiegħed f’postu kellhom jittellgħu pilastri minn taħt il-pjazza billi taħtu hemm għar kbir. F’2020 sar restawr fuq din l-istatwa mill-Kunsill Lokali.

Monument ta’ Dr Anton Buttigieg

Fil-5 ta’ Mejju, 1985, il-Prim Ministru, Dr Karmenu Mifsud Bonnici, kixef uffiċjalment il-monument li twaqqaf f’ġieħ Dr Anton Buttigieg, eks-President tar-Repubblika ta’ Malta, avukat, Membru tal-Parlament, u poeta.

Twieled l-Għarb, Għawdex, imma għadda l-biċċa l-kbira ta’ ħajtu fil-Ħamrun fejn kien President tal-Każin tal-Mużika San Gejtanu. Dan il-monument ħadmu l-iskultur Anton Agius u sar bil-kontribuzzjoni pubblika. L-iskultur Agius lesta l-abbozz tal-ġibs u d-Ditta Luigi Tommasi ta’ Del Chiaro Maddimo ta’ Pietrasanta, Lucca, l-Italja, ħadmitu fil-bronż. Waqt li Ugo Mizzi, ħaten l-istess Dr Anton Buttigieg, li kien inkarigat mit-tmexxija tat-twaqqif ta’ dan il-monument, kien l-Italja jissorvelja x-xogħol, ħassu ħazin u miet.

Huwa tbierek mill-Kappillan Dun Ġużepp Pace, kappillan tal-parroċċa ta’ San Gejtanu, il-Ħamrun, u fil-preżenza ta’ wlied Dr Buttigieg, tal-Ministri tal-Kabinett, Dr Eddie Fenech Adami, Deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra tar-Rappreżentanti u preżenti kien hemm ukoll Sir Anthony Mamo, l-ewwel President tar-Repubblika. Il-kopja oriġinali tal-ġibs illum tinsab merfugħa fil-Mużew tal-Politika fil-Birgu.

Monument tal-Millennju

F’Misraħ San Pawl insibu plier imqassam fuq tliet lati – wieħed għola mill-ieħor. F’nofshom, maħduma fil-bronż, hemm pjanta tal-Ħamrun. Dan il-monument sar sabiex ifakkar li l-Ħamrun daħal fit-Tielet Millennju.

Il-monument hu xogħol l-iskultur u marmista Ronnie Pisani. Fil-part ta’ isfel hemm imwaħħla lapida bil-kliem:

“Il-poplu Ħamruniż
Ifakkar l-ewwel seklu sħiħ
Ta’ ħidmietu
U jħares b’fiduċja lejn il-ġejjieni
Illum fis-sebħ tat-Tielet Millennju
1 ta’ Jannar, 2000.”


Kien ġie inawgurat mill-Viċi Sindku, Dr Paula Mifsud Bonnici, u tbierek mill-Kappillan Dun Pawl Fenech.

 Monument Oreste Chircop

Minbarra l-ġnien, li huwa msemmi għal Oreste Chircop, il-memorja tiegħu hija mfakkra wkoll permess ta’ bust fuq pedistall li hemm f’dan il-ġnien.

Dan il-monument ġie inawgurat fis-26 ta’ Mejju, 2000, f’għeluq is-sentejn mill-mewt tiegħu li seħħet fl-10 ta’ Mejju, 1998.

Inawgurawh il-Ministru Dr Austin Gatt u s-Sindku, is-Sur Joe Zammit Cordina. Il-bust inħadem fil-bronż mill-iskultur Anton Aguis. Għal din l-okkażjoni ttellgħet serata pubblika fil-post fejn ġie inawgurat il-monument u l-ġnien li għalih attendew il-mara, it-tfal u ħut Oreste Chircop

Monument ta’ Salvinu Spiteri

Salvinu Spiteri twieled il-Ħamrun fis-17 ta’ Frar 1926. Kien impjegat Klerikali fiċ-Ċivil, u fid-29 ta’ Settembru, 1966, flimkien ma’ oħrajn, waqqaf il-Malta Government Clerical Union. Intant,  Malta Government Clerical Union MGCU wara saret Malta Government Employees Union MGEU u sussegwentament saret Union Haddiema Maghqudin UHM. Serva f’din unjon sal-1996. Serva ta’ President ta’ din l-Unjon għal tletin sena u baqa’ President tal-Konfederazzjoni tan-Negozjanti Maltin.

Salvinu Spiteri miet fit-30 ta’ Jannar, 1996, u sitt snin wara, fid-29 ta’ Settembru, 2001, il-President ta’ Malta, il-Prof. Guido de Marco, inawgura l-monument ta’ Salvinu Spiteri. Preżenti kien hemm uffiċjali tal-unjon. Il-monument, forma ta’ bust fuq pedistall jinsab fi ġnien żgħir. Fuq dan il-monument hemm il-kitba li tgħid:

“SALVINU SPITERI 1926-1996 L-ewwel President u Fundatur Unjoni Ħaddiema Magħqudin”.

Monument tat-Tromba

Fi żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann f’Malta il-problema tal-ilma fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta kienet kbira, tant li l-ilma lejn il-Belt Valletta kien jinġarr minn nixxijiet natural bil-braken.

Il-Gran Mastru Wignacourt ħadem biex din il-problema tittaffa kemm jista’ jkun. L-akwadott u sistema ta’ kanali bdew jinbdew fl-1610 u l-ilma mill-inħawi tal-Fiddien twassal sal-Belt Valletta.

Fi triqtu lejn il-Belt Valletta dan kellu jgħaddi mill-Ħamrun. L-ilma li kien jibda ġej mir-Rabat kien jgħaddi minn Ħ’Attard, u Santa Venera fejn hemm it-turretta ta’ San Ġużepp (dik li hemm f’Santa Venera, fil-bidu tal-arkati), jibqa’ nieżel b’qawwa u jferra’ ġewwa torri mdaqqas f’għamla tonda li qiegħed fit-tarf ta’ Triq San Gejtanu; għad illi din il-għolja, daqs mitt sena ilu kienu jsejħulha Ta’ Atoċja flok, kif kienu jsejħulha xi wħud, Ta’ San Nikola. F’dan it-torri nsibu ngastata biċċa ġebla tal-qawwi b’dan il-kliem fuqha:

“Kif fl-ilma hemm il-ħajja hekk il-ħajja bdiet mill-ilma”

Taħt dan it-torri hemm ħażna għall-ilma li minnha kienu jieħdu ġwiebi kbar oħra fil-Ħamrun u f’postijiet oħra. Mill-Blata l-Bajda kien jibda sejjer il-Floriana fejn hemm torri ieħor quddiem il-Kappella ta’ Sarria u finalment għall-Belt. Fil-Belt kien hemm għadd ta’ funtani minn fejn ir-residenti kienu jieħdu l-ilma, b’xi wħud għadhom jeżistu sal-lum.

F’Ġunju tal-2020 il-Kunsill Lokali tal-Ħamrun naddaf madwar dan it-torri, li ħafna isibuh bħala it-tromba. Minbarra it-tindif sar ukoll xogħol taż-żebgħa. Il-pass li jmiss huwa ir-restwar tiegħu.

Monument tal-Obelisk

Fi Triq San Giovanni l-Ħamrun insibu monument ieħor li għand x’jaqsam mat-twassil tal-ilma mir-Rabat sal-Belt. Dan il-monument li għandu forma ta’ Obelisk jinsab f’bitħa privata illum. Ftit huma dawk in-nies li jafu bih. Dan l-Obelisk li għandu forma ta’ piramida kien inbena fi żmien il-Gran Mastru De Rohan sabiex ifakkar xi tiswijiet li saru f’dawn l-inħawi fuq is-sistema tat-twassil tal-ilma fil-Belt Valletta.

STATWA IMMAKULATA KUNĊIZZJONI

Il-Pjazza Kappillan Muscat, li tinsab fil-Parroċċa tal­-Kunċizzjoni fil-Ħamrun, ġiet imsebbħa bi statwa tal-Immakulata Kunċizzjoni li tinsab fuq pedistall tal-ġebel. Din l-istatwa, li hija xogħol tal-artist Ħamruniż Ramon Camilleri McKay, ġiet inawgurata mis-Sindku Christian Sammut u mbierka mill- Kappillan tal-Parroċċa Dun Mario Mifsud, fl-20 ta’ Mejju, 2019.

Dan il-proġett ġie ffinanzjat mid-Development Planning Fund, filwaqt li l-istatwa tħallset mid-ditta Farsons. L-istatwa tinsab fuq pedistall tal-ġebel. F’din l-okkażjoni ġie wkoll inawgurat ix-xogħol ta’ tisbiħ li sar f’din il-pjazza, li kien jinkludi dawl ġdid u funtani żgħar tal-ilma. Għal din l-okkażjoni l-Kunsill Lokali organizza serata kulturali bil-parteċipazzjoni ta’ kantanti Ħamruniżi. Ħadet sehem ukoll il-banda ta’ din il-parroċċa.

MONUMENT TAL-VITTMI TAL-GWERRA

Fl-inħawi Tar-Rabbat, fi Triq Abela Scolaro, insibu ġnien iddedikat lill-vittmi tat-Tieni Gwerra Dinjija. Dawn il-vittmi, kemm residenti Ħamruniżi kif ukoll refuġjati li ġew jistkennu hawn minn bliet u rħula oħra, mod speċjali mill-Belt Valletta u mill-Kottonera. Sabiex jibqgħu mfakkra l-125 persuna li mietet fl-attakki mill-għadu, il-Kunsill Lokali waqqaf monument f’dan il-ġnien bl-ismijiet kollha tal-vittmi.

Dan il-monument ġie inawgurat mis-Sindku Vincent Bonello, fit-8 ta’ April 2015, bħala parti mir-rinnovar ta’ Misraħ il-Vittmi u l-ġnien. Il-Monument jikkonsisti f’pedistall tal-ġebla Maltija u rħam bl-ismijiet ta’ dawk kollha li tilfu ħajjithom. L-iżgħar vittmi kienu Carmelo Borg, Giuza Cuschieri, u Alfred Sacco ta’ tliet snin filwaqt li l-aktar persuna anzjana kienet Carmela Borg ta’ 91 sena. L-aktar li kienu mietu kienu anzjani ta’ ’l fuq minn 60 sena. Ta’ min jgħid ukoll li fost dawn kien hemm membri mill-istess familji li jvarjaw bejn tlieta u ħames persuni.

MONUMENT LI JFAKKAR ŻEWĠ ANNIVERSARJI

Il-Kunsill Lokali tal-Ħamrun ikkummissjona monument li huwa punt ta’ referenza perpetwa għall-Ħamruniżi kollha sabiex il-lokalità tiċċelebra u ssawwar il-kultura tagħha.

Fi Triq il-Kbira San Ġużepp, maġenb il-Kunvent tal-Little Sisters of the Poor u d-dar tal-anzjani, insibu dan il-monument li minbarra l-għan ċiviku u estetiku tiegħu, ifakkar żewġ anniversarji li għandhom rabta kbira mal-Ħamrun. Dawn huma l-500 sena mid-dehra Mistika tal-Verġni Marija u Binha Ġesù lil San Gejtanu, fejn fdat lil Ġesù tarbija f’idejn il-Qaddis patrun ta’ din il-lokalità, u għeluq l-10 snin mill-kanonizzazzjoni ta’ San Ġorġ Preca, li għex il-biċċa l-kbira tal-ħajja saċerdotali tiegħu jaħdem fost il-Ħamruniżi.

Dawn iż-żewġ Qaddisin huma sinonimi mal-Ħamrun, li, għalkemm għexu żminijiet differenti, fl-aspett storiku jirriflettu lil xulxin.

Bħala disinn, l-artist Louis Briffa ħoloq stil lineari u sempliċi. Għandu bażi tal-konkrit u qafas tal-metall, miksi bit-travertin u għoli madwar erba’ metri. Id-disinn tal-ħġieġ jinkludi erba’ faċċati; tnejn minnhom dwar San Gejtanu u l-oħrajn dwar San Ġorġ Preca.

Dan il-monument ġie inawgurat mis-Sindku Christian Sammut, fis-7 ta’ Jannar, 2018, u ġie mbierek mill-Prepostu Padre Salvatore Rodea Gonzales C.R., il-Ġeneral tal-Ordni tal-Kleriċi Regolari (Teatini).