KNEJJES U KAPPELLI
CHURCHES AND CHAPELS
KNISJA ARĊIPRETALI TA’ SAN GEJTANU
Wirt reliġjuż fil-Ħamrun
Minħabba li l-poplu tal-Ħamrun beda jikber, iż-żewġt knejjes li kien hemm fil-lokalità, tal-Madonna tas-Samra u dik ta’ Porto Salvo, magħrufa aħjar bħala ta’ Nuzzu, ma kinux kbar biżżejjed sabiex ilaħħqu mal-ħtiġijiet spiritwali tar-residenti.
Manwel Imbroll, li kien negozjant, waqqaf kumitat biex jaħdem ħalli tissolva din il-problema. Wara li ġew studjati l-proposti mressqa quddiem dan il-kumitat, ġie deċiż li tinbena knisja ġdida li fid-daqs taħseb anki għall-futur. Il-perit li ntgħażel għall-bini tal knisja kien il-Perit Ġorġ Schinas. Fit-13 ta’ Ġunju,1869, tqiegħdet l-ewwel ġebla li tbierket mill-Isqof Fra Gejtanu Pace Forno.
Il-maġġoranza tal-poplu Ħamruniż xtaq li tkun iddedikata lil San Ġużepp, isem li kien iġib din il-lokalità. L-Isqof Pace Forno wera x-xewqa li tiġi msemmija għall-isem il-qaddis tiegħu, San Gejtanu. F’Malta ma kienx hawn parroċċa waħda ddedikata għal dan il-qaddis filwaqt li għal San Ġużepp, ftit tas-snin qabel, kienet għadha kif ġiet iddedikata l-parroċċa tal-Imsida. Il-Ħamruniżi, biex juruh kemm jgħożżu ’l-benefatturi tagħhom, wettqu xewqtu u ġiet iddedikata lil San Gejtanu.
Sitt snin wara li beda x-xogħol, fl-10 ta’ Lulju,1875, il-knisja ġiet miftuħa u mbierka mill-Isqof Konti Karmenu Scicluna, li kien l-istess Isqof li fl-1 ta’ Diċembru,1881, waqqafha bħala parroċċa. Il-limiti tal-parroċċa ttieħdu mill-Floriana, Ħal Qormi u Birkirkara. Il-knisja ta’ San Gejtanu ġiet ikkonsagrata mill-Arċisqof Dom Mawru Caruana fis-26 ta’ Settembru, 1930, bl-ewwel kappillan jkun Dun Fortunat Valletta.
L-istil arkitettoniku tal-knisja hu wieħed Gotiku. Hija magħmula minn kor, żewġ kappelluni, kursija u sagristija. Oriġinarjament din il-knisja kellha tnax-il altar, b’wieħed minnhom kien fis-sagristija. Matul is-snin dawn ġew imnaqqsa għal ħamsa u minflokhom saru sitt konfessjonarji. Taħt l-orgni maġġur hemm arloġġ kbir jixgħel u jaħdem bl-elettriku. Il-knisja hija twila 43 metru u wiesgħa ftit aktar minn 24 metru mill-kappelluni u ftit inqas minn 7 metri fil-kursija. Il-knisja għandha żewġ kampnari li fihom hemm erba’ qniepen, kif ukoll l-arloġġ li nħadem fi Franza.
Fil-knisja nsibu xogħlijiet sbieħ artistiċi. L-inkwatru titulari huwa xogħol l-artist Taljan Pietru Gagliardi, li pitter lil San Gejtanu hu u jirċievi l-Bambin Ġesù minn idejn il-Madonna. Dan inġieb minn Ruma nhar il-5 ta’ Lulju,1882 u kien ingħata mill-Isqof Gejtanu Pace Forno bħala rigal lill-knisja. Minbarra dan l-inkwatru titular nsibu nkwatru ma’ kull artal, li lkoll huma xogħlijiet artistiċi mill-isbaħ. Il-pittura tas-saqaf li hemm illum l-ġurnata hija xogħol tal-artist Malti Emvin Cremona. L-istatwa titulari tal-parroċċa saret mill-istatwarju Malti Karlo Darmanin.
Il-ħsieb li din il-knisja ssirilha koppla kienu ilu li beda jberren sa mill-1930. Il-pjanta saret mill-Perit Andrea Vassallo, imma kellhom jgħaddu xejn inqas minn 23 sena sabiex ix-xogħol jibda, sewwasew fit-13 ta’ April, 1953.Tajjeb ngħidu li l-Perit Schinas, li ppanta l-knisja, kien għamel pjanta tal-koppla wkoll li hija totalment differenti minn dik tal-lum iżda din qatt ma nbniet. Il-pjanta li kien ħażżeż Schinas instabet f’dar privata, imma kien tard wisq għaliex il-koppla kienet ġa telgħet kif nafuha llum.
Maġemb il-knisja nsibu l-Oratorju tal-Qalb ta’ Ġesà, li min-naħa ta’ wara jinfed mal-knisja. Dan huwa wieħed kbir mhux ħażin tant li jista’ jissejjaħ kappella.
Il-Knisja ta’ San Gejtanu ġiet iddikjarata arċipretali u matriċi propju fil-ġimgħa tal-festa 2019. Dan seħħ mill-Arċisqof Charles J. Scicluna waqt quddiesa tal-okkażjoni li matulha Dun Walter Cauchi nħatar ukoll bħala l-ewwel arċipriet.
KNISJA TAL-KUNĊIZZJONI
Wirt reliġjuż fil-Ħamrun
Qabel ma nbniet il-knisja parrokkjali f’din l-akkwata mill-bidu tas-snin 20 tas-seklu l-ieħor ġa kien hemm attività reliġjuża qawwija lejn l-Immakulata Kunċizzjoni. Din kienet bdiet minn Pawlu Burlò mid-dar tiegħu fi Triq Vitale. Huwa rama kappella żgħira għalih u spiss kien jistieden lir-residenti tal-madwar sabiex jitolbu flimkien. F’Mejju fl-1920 għamel festa sabiħa. Fl-1922 xtara terran fl-istess triq u rranġah sabiex ikun jista’ jilqa’ aktar nies u jibda jsir it-tagħlim tad-duttrina u jħejji lit-tfal għall-Ewwel Tqarbina.
Wara l-mewt ta’ Pawlu Burlò, fit-30 ta’ Ottubru 1950, ħa xogħlu saċerdot żgħażugħ Ħamruniż, Dun Edgar Vella Anastasi, bniedem ħabrieki u bieżel ħafna. Fit-8 ta’ Novembru 1950 inħatar rettur ta’ dan l-oratorju.
Hekk kif il-poplu f’dawk l-inħawi beda jiżdied u ma baqax kollu għelieqi bħal qabel, Dun Edgar ġieħ il-ħsieb li tinbena knisja. Ma kinitx faċli imma, mimli kollu ħeġġa, Dun Edgar sab għalqa viċin l-oratorju, u bl-approvazzjoni tal-Arċisqof Gonzi, beda jwettaq il-ħolma tiegħu. L-art għall-bini tal-knisja nxtrat fl-24 ta’ April 1957. Il-pjanta tħejjiet mill-Kavallier Ġużè Damato u fit-23 ta’ Marzu,1958, tqiegħdet u tbierket l-ewwel ġebla ta’ din il-knisja mill-Eċċ. Tiegħu, il-Mons. Isqof Emmanuele Galea. L-istil tagħha hu wieħed Joniku, b’kampnar wieħed, koppla ħelwa, artal wieħed u żewġ sagristiji.
Sfortunatament Dun Edgar ma kellux ix-xorti li jara l-knisja lesta minħabba li miet ta’ 43 sena. Ix-xogħol tkompla minn Dun Ġużepp Mifsud Bonnici, li aktar tard sar l-ewwel kappillan tagħha.
Din il-knisja tbierket fis-16 ta’ Awwissu,1963, mill-Isqof Emmanuele Galea u fl-1 ta’ Lulju, 1966, saret viċi parroċċa mill-Arċisqof Gonzi. Propju sena u nofs wara l-istess Arċisqof fl-1 ta’ Jannar, 1968, waqqafha bħala parroċċa. Ħdejn din il-knisja tal-Kunċizzjoni hemm Ċentru Parrokkjali li ssemma’ Marija Immakulata li jintuża għal-laqgħat; librerija; sala tal-palk u sala għal attivitajiet differenti oħra. Il-vara titulari ġiet irregalata fl-1985, mill-Arcikonfraternità tal-Immakulata Kunċizzjoni tal-Belt Valletta. Din il-vara nħadmet f’Ruma fuq inizjattiva tal-Kappillan Dun Mattew Agius.
Fit-3 ta’ Jannar,1988, ittellgħat fuq il-frontispizju tal-knisja, statwa kbira tal-Madonna maħduma fil-fibreglass, xogħol l-iskultur George Atkins. Hija tbierket mill-Kappillan Dun Manwel Agius.
Din hija l-unika knisja f’Malta li fiha nsibu l-Via Lucis fil-presbiterju. Din inħadmet mid-ditta Ferdinand Stuflesser f’Ostisei, l-Italja. Din hija simili ħafna għal Via Sagra imma minflok turi episodji mill-Evanġelju minn xħin Kristu qam minn bejn l-imwiet sa meta l-Ispirtu s-Santu niżel fuq l-appostli u Ommna Marija.
SANTWARJU TAL-MADONNA TAS-SAMRA
Wirt reliġjuż fil-Ħamrun

L-istorja ta’ din il-knisja tmur lura għall-1565, meta waqt l-Assedju l-Kbir, fost il-ħafna djar li nqerdu, kien hemm dik ta’ Toni Spinaci. Fid-dar imwaqqgħa kien hemm bintu Isabella, għadha tarbija, li sfat mirduma qalb il-ġebel. Il-ġenituri tagħha ħasbu li mietet, iżda b’miraklu nstabet qawwija u sħiħa. Minn dan l-inċident Alla l-imbierek ħarisha għaliex kellu jinqeda biha biex ixerred il-qima u d-devozzjoni lejn il-Madonna ta’ Atoċja.
Din id-devozzjoni nġibet Malta min-negozjant Ġużeppi Casauri, li kien miżżewweġ lill-Eliżabetta Spinaci. Waqt li kien fuq negozju f’Toledo, imqanqal mid-devozzjoni li kellu lejn ix-xbieha mirakoluża ta’ Atoċja, irnexxielu jixtri kopja tagħha mingħand ħabib tiegħu.
Dan Casauri, meta rritorna Malta, ħalla n-negozju biex flimkien ma’ martu bdew knisja ftit kbira, b’xi kmamar magħha. Din il-knisja nbniet fuq l-għolja magħrufa bħala Santi Nicolai de la Braxkyxie. Fuq din l-għolja kien hemm kappella dedikata lil San Nikola ta’ Bari. Din kienet ġiet dekonsagrata minn Monsinjur Pietro Dusina minħabba l-istat ħażin li kienet tinsab fih. Il-knisja li hemm illum inbniet fl-1634 minn Isabella Spinaci u Giuseppe Casuari u fuq xewqa tagħhom ġiet dedikata lil Santa Marija.
Minn dak iż-żmien ’l hawn din il-għolja bdiet tissejjaħ ta’ Atoċja filwaqt li l-knisja hija aktar magħrufa bħala Tas-Samra, minħabba l-kulur samrani ta’ wiċċ il-Madonna f’inkwatru. Il-kwantità kbira ta’ ex-voto li nsibu f’din il-kappella hija indikazzjoni tal-grazzji li bdew jinqalgħu bl-interċessjoni ta’ din ix-xbieha mirakoluża.
Sa mill-1634 bdiet tiġi ċċelebrata l-festa ta’ Santa Marija bħalma kien isir f’Madrid. Din il-festa għadha tiġi ċċelebrata sal-lum. F’żewġ viżti pastorali, l-Isqof Miguel Balaguer jirrapporta li sab devozzjoni qawwija kull ħmistax tax-xahar. Wara li xi snin, minħabba li din il-knisja lejn il-bidu tas-snin għoxrin kienet ġiet abbandunata, ipprofanta għal xi żmien u saħansitra sfat magħluqa, din id-devozzjoni lejn il-Madonna kull ħmistax tax-xahar, reġa’ bdieha San Ġorġ Preca, u għadha ssir sal-lum b’ħerqa kbira.
Fil-21 ta’ Lulju 2016, ftit ġimgħat biss qabel din il-knisja ġiet iddikjarata Santwarju Marjan, sewwasew fit-12 ta’ Settembru, ġiet approvata l-aggregazzjoni spiritwali mal-bażilika ta’ Atoċja fi Spanja, fejn tinsab ix-xbieha oriġinali tal-Madonna tas-Samra.
Fil-15 ta’ Ġunju tal-2017 l-Arċisqof Emeritus, Monsinjur Pawlu Cremona O.P. inkuruna x-xbieha tal-Madonna tas-Samra li tinsab fir-reredos li hemm wara l-altar maġġur.
Is-santwarju jkun miftuħ kuljum għaċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa.
KNISJA TA’ SAN FRANĠISK T’ASSISI
Wirt reliġjuż fil-Ħamrun
Il-Patri Franġiskani minuri, aktar magħrufa bħala Ta’ Ġieżu, ġew il-Ħamrun fis-16 ta’ Awwissu, 1947. Huma fetħu kunvent u kappella żgħira fi Triq Lord Byron sabiex ikunu jistgħu jaqdu l-bżonnijiet tar-residenti ta’ dawn l-inħawi. Aktar ma beda jikber il-Ħamrun fil-popolazzjoni, aktar ħassew il-ħtieġa li jkollhom knisja u kunvent xieraq. Wara ħafna taħbit biex tinstab biċċa art li tgħodd għalihom, irnexxielhom jiksbu biċċa art f’tarf Triq Villambrosa.
L-ewwel ġebla ta’ din il-knisja tqiegħdet fit-13 ta’ April 1952, u fi ftit aktar minn sentejn il-knisja nbniet, tbierket u nfetħet għall-pubbliku fit-30 ta’Ottubru,1954. Hija ġiet ikkonsagrata mill-Arċisqof Gonzi fil-25 ta’Mejju, 1955.
L-istil ta’ din il-knisja hu kollu kemm hu stil Franġiskan, jew aħjar Ruman, fejn fl-istess sempliċità tiegħu huwa modern. Maġenb il-knisja hemm ukoll il-kunvent tagħhom. Din il-knisja tesa’ madwar 2,000 ruħ u saret fuq il-pjanta tal-Kavallier Ġużè Damato.
Fil-knisja hemm tliet artali tal-irħam abjad, bil-figuri tal-appostli tal-bronż u bil-mużajk tad-deheb. Fuq l-artal maġġur hemm statwa kolossali tal-irħam li turi lil San Franġisk qed jieħu l-pjagi. Interessanti wkoll li f’din il-knisja, il-Via Sagra hi magħmula mill-irħam ukoll. Fuq il-kampnar hemm statwa ġganteska li turi lil San Franġisk b’idejh miftuħa, xogħol sabiħ ħafna ta’ Marku Montebello. Hija tbierket u ttellgħet fil-21 ta’ Frar, 1960.
Il-pittura tal-koppla f’din il-knisja hija xogħol sabiħ ħafna tal-pittur Ruman Marcello Liberati. Dan ix-xogħol tħallas mill-familja Zammit, Ħamruniżi emigrati f’San Francisco, f’Kalifornja, l-Amerika. F’din il-knisja nsibu pittura fuq l-injam tal-Madonna tas-Sokkors. Il-qniepen ġew imqiegħda fl-1966: tnax il-qanpiena mħaddma bl-elettriku u nħadmu mid-ditta Petit and Fritson tal-Olanda.
KAPPELLA TA’ PORTO SALVO
Wirt reliġjuż fil-Ħamrun
Fis-seklu 16, il-lokalità tal-Ħamrun u parti minn Santa Venera kienu magħrufa bħala De San Giuseppe. Kulma kienet din il-lokalità hi t-triq li tgħaqqad il-Belt Valletta ma’ dik tal-Imdina, b’ħafna għelieqi u xi djar fil-madwar. Dan l-isem ħareġ minn knisja ddedikata lil San Ġużepp li kien hemm fil-parti fejn illum hemm il-parroċċa ta’ Santa Venera. F’nofs din it-triq kien hemm kappella ddedikata lill-Madonna ta’ Porto Salvo. Qabel il-kappella li hemm illum, li hija mibnija fuq art li kienet tappartjeni lill-Gran Mastru, il-Viċi Kanċillier tal-Ordni tal-Kavallieri, Fra Eugenio Ramiz Maldato kien bena kappella.
Il-kappella preżenti, skont kuntratt tan-Nutar Michele Ralli, kienet reġgħet inbniet mill-ġdid minn Pancrazio Briffa fl-1645, u kkonsagrata fil-31 ta’ Awwissu tal-istess sena. Wara l-viżta pastorali tal-Isqof Balaguer fl-1662, din il-kappella ma baqgħetx tissemma’ f’ebda viżta pastorali oħra. Kien fl-1750 li fuq l-istess art inbniet kappella oħra minn Margerita Grech, mart il-kleriku Antonio Agius.
B’kuntratt li sar għand in-nutar Francesco Alfano, minbarra li ħallset għall-binja, Margerita ħalliet benefikat li sar fl-4 ta’ Frar 1745 bit-titlu ta’ Beata Vergine Maria del Porto Salvo, biex minnu jitħallsu l-bżonnijiet tal-knisja u tiġi ċċelebrata l-quddiesa f’jum il-festa. Illum il-ġurnata din il-knisja hija magħrufa aktar bħala ta’ Santu Nuzzu. Dan it-titlu huwa maħsub li ngħata minħabba li l-kleriku Antonio Aguis kien magħruf bħal Tonnuccio u minn korruzzjoni tal-isem ħareġ dan it-titlu.
Din il-knisja, mal-medda taż-żmien u meta bdiet tikber il-komunità f’dak li kien De San Giuseppe, illum il-Ħamrun, ma kinitx kbira biżżejjed biex tilqa’ fiha lir-residenti. B’hekk il-poplu aspira biex tinbena knisja ġdida, kif fil-fatt sar, u dan rajnieh meta nbniet il-knisja parrokkjali ta’ San Gejtanu. Matul is-snin hija servit għal bosta għanijiet. Fl-1907 San Ġorġ Preca kien ilaqqa’ xi żgħażagħ u jgħallimhom id-duttrina. B’kollox għamel 4 laqgħat għax fis-7 ta’ Marzu tal-istess sena nkriet id-dar numru 6, Triq Fra Diegu, kellha tkun l-ewwel qasam tas-soċjetà tal-M.U.S.E.U.M.. Fil-bidu ta’ Ġunju 1941 marru fiha l-Patrijiet Karmeltani Skalzi ta’ Santa Tereza ta’ Bormla fejn ġew jistkennu mill-qilla tal-għadu u kienu jużaw ukoll id-dar li hemm tmiss magħha.
Biż-żmien, din il-knisja kellha bżonn ta’ restawr. Il-ġebel tal-koppla kien therra, is-slaleb kemm tal-koppla kif ukoll ta’ fuq il-frontispizju kienu waqgħu bil-maltemp. Meta laħaq kappillan Dun Paul Camilleri, f’1992, talab sabiex tissewwa mill-aktar fis, qabel ma ssirilha aktar ħsara. Għalkemm sar ix-xogħol ta’ restawr tħallit magħluqa.
Kien il-kappillan Dun Pawl Fenech, li wara t-talba li għamel lill-kurja fl-1997, liema talba ġiet milqugħa, li ġiet inwagurata bħal kappella tal-adorazzjoni perpetwa, u għadha tintuża għal dan l-iskop u tkun miftuħa kuljum.
KAPPELLA TAL-MADONNA TAL-MIDALJA MIRAKOLUŻA
Wirt reliġjuż fil-Ħamrun
Fil-bidu ta’ Triq Irjali San Ġużepp, in-naħa msejjaħ bħala l-Blata l-Bajda, insibu ċ-ċentru nazzjonali tas-soċjetà tal-M.U.S.E.U.M. u l-kappella ddedikata lill-Madonna tal-Midalja Mirakoluża. Dan il-kumpless huwa mibni fejn qabel kien hemm ċimiterju tal-kolera. Kien f’Diċembru tal-1936 meta Dun Ġorġ Preca kiteb lill-Isqof sabiex biċċa art li hemm il-Blata l-Bajda tiġi żviluppata bħala ċ-ċentru nazzjonali tas-soċjetà Mużewmina. Dan il-pjan sab ħafna ostakoli mill-gvern kolonjali f’pajjiżna u kien propju fl-1954 li ntlaħaq ftehim, din id-darba mal-gvern Malti wara li saret diskussjoni fil-Parlament.
L-art, li fiha madwar 500 qasba kwadru, rat il-bidu tat-tħaffir għal dan iċ-ċentru fil-15 ta’ Awwissu, 1954. Meta x-xogħol ta’ dan il-bini mexa sewwa, li llum isservi bħala kwartier ġenerali tas-soċjetà tal-M.U.S.E.U.M, minn fejn minnu joħorġu d-direttivi u ssir l-amministrazzjoni tal-fergħat kollha ta’ Malta u ta’ Għawdex, bdiet tinbena l-kappella. L-ewwel ġebla tqiegħdet fit-23 ta’ Frar,1958, mill-Arċisqof Gonzi u tbierket u nfetħet uffiċjalment mill-istess Gonzi fit-13 ta’ Mejju, 1964.
Din il-kappella, li hi ddedikata lill-Madonna tal-Midalja Mirakoluża, hi fuq stil Klassiku modern, tesa’ 320 ruħ, u għandha l-għamla tal-kappella ta’ Sarria tal-Floriana. Il-pjanta hi tal-Kavallier Ġużè Damato u fl-1962, fuq il-bieb tal-kappella minn barra, tqiegħdet statwa tal-Madonna bilqiegħda filwaqt li sena wara ttellgħet fuq l-antenna ta’ din il-kappella, statwa tal-bronż ta’ Ġesù Feddej.
F’din il-kappella nsibu wkoll għall-qima tal-pubbliku statwa tax-xama’ ta’ San Ġorġ Preca, kif ukoll id-demm ta’ dan il-qaddis li kien ħadlu t-Tabib Lawrence Spiteri. Hawnhekk ukoll insibu l-fdal tal-ewwel qaddis Malti San Ġorġ Preca. Għal dan il-għan fl-2001 sar rinnovar fil-kappella u l-fdalijiet mill-kripta li kien hemm taħt l-art illum jinsabu fil-kappella. Dun Ġorġ twieled il-Belt Valletta imma għex, għallem u qatta’ ħajtu l-Ħamrun.
IL-KAPPELLA TAD-DULURI
Wirt reliġjuż fil-Ħamrun
Din il-kappella rat il-bidu tagħha f’maħżen fi Triq Farsons meta l-imseħbin tal-Leġjun ta’ Marija fetħu bħal speċi ta’ oratorju fl-20 ta’ Jannar, 1951. Megħjunin mid-Direttur Spiritwali tagħhom, Dun Ġużepp Saliba, kisbu dan il-post mingħand is-Sinjuri Farrugia tad-Ditta Farsons Brewery. L-iskop ewlieni ta’ dan l-oratorju kien li tiġi mgħallma d-duttrina lit-tfal tal-inħawi. F’nofs is-seklu l-ieħor dawn l-akwati, magħrufa bħala Tar-Rabbat, bdew jiżviluppaw b’rata mgħaġla. Dan l-oratorju twaqqaf bit-titlu tal-Madonna tad-Duluri, kif għadha ddedikata l-kappella sal-lum. Il-kappillan Nerik Cordina Perez kien ħareġ il-flus minn butu sabiex jintrama dan l-oratorju. It-titular li kien hemm fuq wara tal-altar kien pittru Joe Zammit Cordina, ekssindku tal-Ħamrun. L-ewwel festa tad-Duluri ġiet iċċelebrata fis-16 ta’ Marzu, 1951, fejn għaliha kienu attendew ħafna nies.
Ir-residenti bdew iħossu l-ħtieġa li f’din ix-xaqliba, li kienet xi ftit imbiegħda mill-parroċċa, titwaqqaf kappella minflok il-maħżen misluf lilhom. Imma forsi ż-żmien kien għadu xi ftit ’il bogħod biex din l-idea ssir realtà. Aktar ’il quddiem f’dan l-oratorju ngħata l-permess li tibda tiġi ċċelebrata l-quddiesa f’xi okkażjonijiet biss, imma maż-żmien bdiet issir kull nhar ta’ Sibt u Ħadd u fil-festi kmandati.
L-ewwel rettur uffiċjalment kien Dun Salvinu Vella li ġie maħtur mill-Arċisqof Gonzi fl-1969 u bdew jiġu organizzati attivitajiet spiritwali kuljum. Fl-1972 il-kurja ħarġet il-permess sabiex tinbena kappella f’dawn l-inħawi, wara rikors li kien għamel Monsinjur Mattew Chircop. Ix-xogħol beda ftit ġranet biss wara li fit-23 ta’ april 1974 il-pjanta tal-Perit Richard Aquilina ġie approvata. Il-binja tal-kappella tlestiet f’Awwissu tal-1982. L-oratorju baqa’ jiffunzjona sat-18 ta’ Diċembru, 1982, meta l-knisja l-ġdida kienet tlestiet minn kollox.
Fl-2018 il-Kunsill Lokali ħa ħsieb li jirranġa l-viċinanzi. Filwaqt li l-Kanonku Timon Mercieca, ir-rettur tagħha, matul dawn l-aħħar xhur kompla jsebbaħ il-kappella minn ġewwa.

