ATTIVITAJIET / ACTIVITIES

Il-Karnival

Għal dawn l-aħħar snin fil-Ħamrun reġa’ beda jiġi organizzat il-Karnival fi Triq il-Kbira San Ġużepp bis-sehem ta’ numru ta’ baned. Dan isir bis-sehem mhux biss tal-għaqdiet lokali imma bl-għajnuna u l-koperazzjoni tal-‘Festivals Malta’ u jkun parti mil-Karnival Nazzjonali.

Minbarra numru ta’ karrijiet li jkun qed jipparteċipaw fil-Karnival Nazzjonali, ikun hemm ukoll dawk maħdumin minn xi għaqdiet tal-lokal. Minbarra l-isfilata l-Kunsill jorganizza wkoll żfin Karnivalesk minn kumpaniji taż-żfin.

Il-Karnival, minbarra fit-triq prinċipali tal-lokalità, s-Sibt ikun hemm ukoll attività organizzata fil-parroċċa tal-Immakulata Kunċizzjoni li fiha tiġi organizzata kompetizzjoni għall-kostumi tat-tfal, kumpaniji taż-żfin u kant.

Il-Ġimgħa Mqaddsa

Fil-jiem tal-Ġimgħa l-Kbira jiġu organizzati għadd ta’ wirjiet minn gruppi u anke individwi. Il-Kunsill jagħti l-appoġġ kollu meħtieġ sabiex dawn ikunu ta’ suċċess. Dawn l-attivitajiet jgħinu sabiex ir-residenti u dawk li jżuru ’l-lokalità jkollhom iċ-ċans li aktar jidħlu fl-ispirtu ta’ dawn il-festi. Il-Każini tal-Banda jorganizzaw kunċerti f’dawn iż-żmien.

Dawn l-aħħar snin il-Kunsill, flimkien ma’ grupp ta’ artisti lokali bl-isem Propera Augesco, tella’ dramm tal-passjoni. Din tkun organizzata fuq iz-zuntier u f’parti mit-triq ta’ quddiem il-knisja arċipretali ta’ San Gejtanu. Kull sena t-tema tkun differenti.

Nhar l-Għid il-Kbir il-Każin tal-Banda San Gejtanu joħroġ idoqq fit-toroq tal-lokal, fejn ikun hemm l-istatwa ta’ Kristu Rxoxt.

Il-Festa ta’ San Ġużep

Qabel ma l-Ħamrun sar parroċċa, San Ġużepp kien aktar popolari mil-lum, tant li kien jissejjah Casale San Giuseppe, minħabba li ħa ismu minn knisja li llum il-ġurnata tagħmel parti minn Santa Venera.

Tmien snin wara li l-Ħamrun sar parroċċa twaqqfet is-Soċjetà Mużikali San Ġużepp, fl-1889, u din l-għaqda, aktar ’il quddiem, bdiet torganizza l-festa lill-patrun tagħha matul ix-xahar ta’ Mejju.

Mal-kappillan tal-parroċċa jiġu organizzati festi interni filwaqt li l-festi esterni jiġu organizzati mill-kumitati fi ħdan din l-Għaqda. Il-banda torganizza kunċert tal-okkażjoni, filwaqt li fit-toroq tal-Ħamrun issir purċissjoni bl-istatwa tal-qaddis. Barra minn hekk isir ukoll marċ brijuż tal-okkażjoni fit-toroq fl-inħawi tal-każin.

Il-Motor Show

Il-Motor Show fil-Ħamrun ġie organizzat għall-ewwel darba f’Mejju tal-2017, meta kien ġie organizzat il-Malta Vintage and Classic Cars Show. F’dawn il-wirjiet ta’ vetturi antiki, sportivi u klassiċi, ikun hemm ukoll armati trakkijiet li kienu jintużaw matul is-snin u anke karozzi differenti li kienu jintużaw mill-militar. Minn dakinhar ’l hawn ġew organizzat wirjiet oħra fis-sentejn ta’ wara.

Il-Kunsill jagħti s-sehem tiegħu f’dawn il-wirjiet tal-karozzi billi jippromovi dan l-avveniment u jgħin billi jikseb u joħroġ il-permessi kollha meħtieġa sabiex parti minn Triq il-Kbira San Ġużepp tingħalaq għat-traffiku.

F’dawn il-wirjiet, minbarra individwi li jesebixxu l-vetturi antiki tagħhom, jieħdu sehem ukoll diversi għaqdiet. Waħda minn dawn il-wirjiet tal-vetturi li kienet tikkonsisti f’aktar minn 120 vettura kienet organizzata mill-Kummissjoni Żagħżagħ Tamlin b’risq Puttinu Cares.

Ħamrun Fashion Show – Arti, Mużika u Moda

Il-Kunsill Lokali Ħamrun organizza b’suċċess serata ta’ Fashion Show għall-ewwel darba fl-2018. Din is-serata  ssir  quddiem il-knisja ta’ San Gejtanu bit-tema ta’ Arti, Mużika u Moda. Din l-attività hi opportunità biex is-settur kummerċjali fil-Ħamrun juri x’kapaċi joffri f’dak kollu li għandu x’jaqsam l-moda u affarijiet oħra.

Il-Kunsill jemmen li rridu nerġgħu nagħmlu mill-Ħamrun destinazzjoni fejn in-nies jagħżlu li jiġu jixtru. Nemmnu, li minbarra l-Maltin, hemm settur ta’ barranin li jgħixu f’Malta li ma jafux bil-potenzjal u bil-ħwienet tal-Ħamrun.

L-attività tinkludi fashion show bir-red carpet imtella’ bl-għajnuna ta’ Couture by Gaetano, stilst Ħamruniż li qiegħed jagħmel isem kbir fil-qasam tal-moda. Jingħaqdu wkoll numru ta’ stilisti Ħamruniżi u ħwienet biex itellgħu x-show mill-aħħar moda.

Waqt din l-attività jieħdu sehem għadd ta’ kantanti famużi Maltin kif ukoll artisti lokali li  jkomplu jagħmlu din l-attività waħda mill-aktar interessanti.

Il-Festa tal-Immakulata Kunċizzjoni

L-ewwel festa interna li saret fit-tieni parroċċa li twaqqfet fil-Ħamrun saret fit-8 ta’ Diċembru tal-1968. Minħabba l-biża’ tal-maltemp li minħabba fih setgħet tħassar il-festa, din baqgħet issir sas-sena 1970.

Fuq talba ġenerali tal-parruċċani, mill-1971 il-festa bdiet issir fl-ewwel Ħadd ta’ Lulju. Matul il-festi interni, li jsiru matul in-novena tal-festa, ikun hemm Adorazzjoni Ewkaristika, u quddies li fihom jieħdu sehem iż-żgħażagħ; il-morda; is-saċerdoti; l-anzjani; l-familji u l-għaqdiet tal-parroċċa.

Nhar il-festa, wara l-quddiesa li ssir filgħaxija, toħroġ l-istatwa proċessjonalment u ddur mat-toroq prinċipali tal-parroċċa.

Minħabba li l-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni ma twaqqfitx meta twaqqfet il-parroċċa, imma aktar tard, fl-1979, kienu jiġu mistiedna ż-żewġ baned tal-Ħamrun l-oħra. Mat-twaqqif tal-Banda Immakulata Kunċizzjoni din bdiet tieħu sehem fil-festa esterna u fil-marċ li jiġi organizzat fit-toroq tal-parroċċa.

It-toroq ikunu imżejna għall-okkażjoni mill-grupp tal-Armar Festa. F’jum il-festa, fit-triq prinċipali ta’ quddiem il-knisja jigi organizzat in-nar tal-art.

Il-Festa ta’ San Gejtanu

Il-festa interna tal-patrun tal-parroċċa ssir l-ewwel Ħadd wara 7 ta’ Awwissu. Sa minn ġimgħa qabel tinħareġ l-istatwa min-niċċa u jibdew il-festi. Matul din il-ġimgħa, fost l-attivitajiet li jiġu organizzati, ikun hemm ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija għal gruppi differenti ta’ resident, fosthom, għaż-żagħżagħ, għall-anzjani; dawk bi diżabilità; u l-għaqdiet.

F’jum il-festa ssir il-quddiesa kantata bil-panieġirku. Il-qofol tal-festa reliġjuża jintlaħaq billi l-istatwa ta’ San Gejtanu tinħareġ proċessjonalment fit-toroq tal-Ħamrun u tilħaq il-qofol tagħha bil-ġirja tradizzjoni sabiex tiddaħħal lura l-knisja.

Il-festa esterna ta’ San Gejtanu, li tinvolvi ħafna xogħol, jieħdu ħsiebha bosta għaqdiet, fosthom, iż-żewġ każini tal-banda u ż-żgħażagħ tal-armar. It-toroq prinċipali jiġu armata bil-pavaljuni u bl-istatwi filwaqt li f’jum il-festa propja ż-żewġ għaqdiet mużikali, dik ta’ San Gejtanu u ta’ San Ġużepp, jikkumplimentaw il-briju tar-residenti bil-parteċipazzjoni tal-baned tagħhom. Il-Ħamruniżi huma magħrufin għall-briju li jorganizzaw matul il-festa esterna.

Minbarra l-briju ta’ jum il-festa l-baned jorganizzaw ukoll kunċerti li għalihom jattendu mhux biss ir-residenti imma ħafna nies mill-bliet u l-irħula tal-madwar.

Il-Festa ta’ Santa Marija

Festa sekondarja oħra li tiġi organizzat fil-Ħamrun hi dik ta’ Santa Marija Mtellgħa s-Sema. Din issir ġimgħa fuq il-festa ta’ San Gejtanu. Illum din il-festa tiġi organizzata kemm internament kif ukoll esternament mir-Rettur u mill-voluntiera tas-Santwarju tal-Madonna tas-Samra.

Il-festa interna bdiet tiġi organizzat lejn l-aħħar tas-snin sittin. Aktar ’il quddiem, meta nġiebet l-istatwa ta’ Santa Marija, bdew jiġu organizzati wkoll il-festi esterni fejn wara l-ġranet tal-novella u ċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa kantata ta’ nhar il-festa, l-istatwa tinħareġ proċessjonalment fit-toroq ta’ madwar l-Għolja ta’ Atoċja fejn hemm is-Santwarju.

Għall-festi interni kien jinġieb kor u kwartett mużikali filwaqt li wara l-quddiesa kien anke jinħaraq n-nar minn għalqa fil-viċin, magħrufa mar-residenti bħala l-għalqa tal-baqar. Dan baqa’ jinħaraq sakemm din l-għalqa nbniet.

CAR FREE DAY

Il-Kunsill Lokali Jorganizza Car Free Day bil-koperazzjoni ta’ Transport Malta fi Triq il-Kbira San Ġużepp li matulha jieħdu sehem għaqdiet Ħamruniżi. Ir-resident jieħdu ftit tan-nifs mit-traffiku li ssoltu joħnoq din it-triq.

L-għan huwa li din  issir kull sena. Matul dan il-jum bla karozzi ikun hemm bosta attivitajiet, sportivi u edukattivi, kif ukoll mixjiet kulturali. Għat-tfal jiġi organizzat treasure hunt u saħansitra jkun hemm kids area fejn ikun hemm face painting.

Għaqdiet jarmaw stands informattivi biex juru l-ħidma li jwettqu matul is-sena filwaqt li jkun hemm picnic area u stands tal-ikel.

Il-Festival taċ-Ċikkulata

Sewwasew fl-aħħar Sibt ta’ Ottubru, għal dawn l-aħħar snin, il-Kunsill Lokali tal-Ħamrun qiegħed jorganizza l-Festival taċ-Ċikkulata.

Dan jittella’ fi Triq il-Kbira San Ġużepp u fit-toroq tal-madwar. Bla dubju ta’ xejn dan hu wieħed mill-akbar festivals li jsiru f’pajjiżna li għalih jattendu mhux biss il-Ħamruniżi, u Maltin minn kull rokna tal-pajjiż, imma anke ħafna turisti.

Min jattendi jkun jista’ jara xogħol sabieħ ta’ arti maħdum miċ-ċikkulata minn diversi individwi li jispeċjalizzaw f’din is-sengħa. Minbarra skulturi fiċ-ċikkulata, fost attivitajiet oħra, ikun hemm tpinġija biċ-ċikkulata fuq it-tila; body painting biċ-ċikkulata u anke kompetizzjonijiet.

Matul dan il-festival, minbarra xogħol fiċ-ċikkulata, wieħed ikun jista’ wkoll isegwi t-talent mużikali mhux ta’ kantanti Ħamruniżi biss imma anke ta’ kantanti oħra stabbiliti. Wieħed mill-parkijiet li jintramaw ikun għall-kantanti Ħamruniżi. Jieħdu sehem ukoll il-baned tal-Ħamrun u tal-Iscouts li jdoqqu fit-toroq tal-madwar. Matul il-festival ikun hemm ukoll impenn kulturali billi jittellgħu wirjiet differenti; mixjiet kulturali; u attrazzjonijiet oħra sabiex il-kultura lokali tingħata spinta.

Fi ftit kliem nistgħu ngħidu li dan il-festival li jiġi organizzat bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru għat-Turiżmu, u l-Ministeru għall-Kultura, huwa vetrina għat-talenti Maltin u opportunità għall-artisti, b’mod speċjali żgħażagħ sabiex jesponu t-talenti tagħhom.

Il-Milied

Matul il-ġranet ta’ festi tal-Milied, minbarra li jinkuraġġixxi lir-resident sabiex iżejnu t-twieqi u l-galleriji għall-okkażjoni, il-Kunsill jagħmel l-istess billi jżejjen it-toroq u mkejjen oħra.

Fis-sena 2020, fi pjazza San Pawl, inbena l-presepju tradizzjonali Malti li fis-snin li għaddew kien intrama fi Pjazza Tritoni, il-Belt Valletta, kif ukoll fil-pjazza tal-Vatikan f’Ruma. Dan sar bil-koperazzjoni tad-Direttorat tal-Kultura.

Fil-presepju kien hemm San Ġorġ Preca, li mhux biss għandu rabtiet kbar mal-Ħamrun imma anke mal-festi tal-Milied hekk kif l-ewwel purċissjoni bil-Bambin saret fil-Ħamrun, u anke l-prietka tat-tifel saret fil-Milied.

Kien ukoll hawnhekk li l-soċjetà tad-Duttrina, il-MUSEUM bdiet tqassam presepju żgħir, jew grotta, lit-tfal.