STORJA / HISTORY
Matul il-perjodu tal-Kavallieri ta’ San Ġwann, u sal-ewwel snin tal-perjodu kolonjali f’Malta, il-Ħamrun kulma kien triq twila li mill-Belt Valletta twassal għal diversi rħula permess ta’ trejqiet li kien hemm fuq il- ġnub tagħha u għall-Belt l-antika l-Imdina.
Dak iż-żmien din il-lokalità kienet magħrufa bħala De San Giuseppe, minħabba kappella li kien hemm fl-inħawi li llum jagħmel ma’ Santa Venera. Dan baqa’ jissejjaħ hekk sakemm din il-lokalità saret parroċċa. Imma xorta waħda t-triq prinċipali uffiċjalment ingħatat l-isem ta’ San Ġużepp. Minħabba diżgwid dwar l-isem li kellha tingħata din il-lokalità fl-1888, jekk hux Ħamrun jew Raħal San Ġużepp, il-gvern għażel Il-Ħamrun bħala l-isem uffiċjali għal għadd ta’ raġunijiet, l-aktar billi l-isem San Ġużepp kien beda jinqata’ minn fuq ilsien in-nies.
Iċ-ċentru ta’ dan is-subborg jinsab madwar żewġ mili (2.25km) ‘il bogħod mill-Belt Valletta. Għal ħafna snin, qabel ma sar parroċċa, kulma kien hu art agrikola bi ftit kmamar u xi rzietet ‘l hawn u ‘l hinn. Din il-lokalità bdiet tiżviluppa lejn l-aħħar snin tal-perjodu tal-Kavallieri, fejn insibu li kienu bdew jinbnew xi palazzi u jkompli matul is-seklu 19. Lejn nofs dan is-seklu l-popolazzjoni kienet kibret mhux ħażin tant li r-residenti talbu sabiex isir parroċċa.
Il-Ħamrun jinsab mibni fuq art watja, imħattba kemxejn lejn in-naħa Tas-Samra. It-toroq tal-Ħamrun huma ta’ wisa’ normali u dritti bla tgħawwiġ, tneħħi xi żewġ toroq dojoq li jinsabu ‘l isfel mill-pjazza San Pawl. Il-Ħamrun ġie ffurmat minn tlett irħula oħra, dak ta’ Ħal Qormi; ta’ Birkirkara; u tal-Floriana. Il-limiti tal-Ħamrun kienu ferm akbar milli huma llum, għax meta Santa Venera u l-Marsa saru parroċċi dawn ħadu parti sewwa mill-Ħamrun.Minkejja dan xorta kien għadu kbir mhux ħażin tant li aktar ‘il quddiem inħass il-bżonn li jkun hemm żewġ parroċċi. Il-motto tal-Ħamrun huwa Propera Augesco, li jfisser Dlonk Nikber. Dan is-subborg dam żmien twil biex stabbilixxa ruħu imma wara kiber u żviluppa f’daqqa u sar magħruf bħala l-Ħamrun kif nafuh.
Jingħadu żewġ verżjonijiet dwar kif bdiet il-kelma Ħamrun. L-ewwel waħda hi, kif jgħidu wħud, li l-isem ġej mill-kelma ħamrija billi kienet ħamra u minn ħamrija saret Ħamrun. Il-verżjoni l-oħra, li milli jidher qablu magħha bosta, kienet illi l-isem Ħamrun huwa laqam ta’ familja li kienet toqgħod fil-qalba ta’ Triq Irjali San Ġużepp. Il-laqam ta’ din il-familja, li għadu jeżisti, huwa l-istess wieħed li jġib dan is-subborg. Dan il-laqam kien ta’ ċertu Ġamri Zammit mill-Belt, li kellu ħanut ta’ dverna fejn kien hemm il-tokis bl-isem ta’ Hollywood, u llum hemm kumpless ta’ ħwienet. Iż-żewġ tifsiriet jistgħu jiġu aċċettati minħabba l-fatt li waħda, tal-ħamrija, insibuha mniżżla hekk bħala l-isem tal-post fil-fondazzjoni ta’ de Vilhena f’dak iż-żmien, waqt li l-oħra taqbel ħafna mal-laqam tal-Ħamruni.
L-arma tal-Ħamrun hija tarka ħamra fuq sfond abjad.
Il-Ħamrun, għalkemm kif ġa għidna, dam ħafna ma’ żviluppa meta mqabbel ma’ lokalitajiet oħra, xorta għandu storja interessanti li tmur lura ħafna u ħafna żmien. L-aktar fdalijiet antiki li nsibu f’din il-lokalità jmorru lura għall-era Pleistoċena. Fejn illum hemm triq Ġużè Pace, waqt tħaffir għal xelter ta’ żmien il-gwerra, instab qxur tal-bebbux u xi snien ta’ annimali fossiliżżati ta’ perjodi differenti. Dan ma jfissirx li kien ġa abitat.
Fil-Ħamrun instabu oqbra mħaffra fil-blat u oqbra ta’ żmien ir-Rumani. Dawn instabu fl-inħawi tar-Rabbat u fi Triq Qormi. F’dawn l-qobra nstab kemm għadam kif ukoll fuħħar. Oqbra oħra nstabu fl-inħawi ta’ Gwardamanġa li kienet tagħmel mal-Ħamrun.
Fi żmien il-Kavallieri nsibu li fl-inħawi tal-Blata l-Bajda kien hemm xi mħażen tal-Ordni Ġerosolomitan fejn kienu jżommu depożiti tal-kubrit u tal-porvli. Barra minn dawn insibu wkoll bosta palazzi fosthom fit-Triq Irjali San Ġużepp u anke f’inħawi ta’ Tas-Samra, fejn jingħad li kellu wieħed il-Gran Mastru de Rohan.
Fil-Ħamrun insibu torri tond li fih kien jinġabar l-ilma tal-akwadott li minn Ħ’Attard kien iwassal l-ilma f’dawn l-inħawi u jibqa’ sejjer sal-Belt Valletta. Dan jinsab fi Triq San Gejtanu u kien inbena mill-Gran Mastru Wignacourt. Ħaġa interessanti hija li mat-torri nsibu kitba fuq ġebla tal-qawwi li tgħid: ‘Kif fl-ilma hemm il-ħajja hekk il-ħajja bdiet mill-ilma’. Aktar ’il quddiem, fl-1780 il-Gran Mastru de Rohan, kien waqqaf monument forma ta’ piramida li jfakkar it-tiswijiet li saru fuq is-sistema tal-ilma. F’dawn l-inħawi kienu tħaffru diversi bjar kbar li jinsabu taħt id-djar u li ħafna minnhom għadhom jintużaw sal-lum. Minbarra dawn il-binjiet insibu wkoll xi kappelli li nbnew fil-perjodu tal-Kavallieri.
Matul il-ħakma Franċiża f’Malta, il-Ħamrun jibqa’ magħruf għas-sehem tiegħu fl-Imblokk. L-Għolja Tas-Samra lagħbet parti importanti ħafna sabiex il-Franċiżi ma jkomplux javvanzaw aktar ’il fuq. Fuq din l-għolja, quddiemha s-Santwarju tal-Madonna Tas-Samra, kienet inbniet fortizza li minnha l-milizzja setgħet tara l-movimenti kollha tal-forzi Franċiżi li kien hemm fil-Belt Valletta.
Meta l-Franċiżi ppruvaw javvanzaw fi bliet oħra, ġew allarmati minn dawn il-forzi. Barra minn hekk, fuq din l-għolja saret battalja sider ma’ sider bejn il-Malti u l-Franċiżi li fiha l-Maltin ħarġu rebbieħa. Fuq il-post għad hemm żewġ kanuni li ntużaw f’dan il-perjodu.
Matul il-perjodu tal-Ingliżi, il-Ħamrun mhux biss ta s-sehem tiegħu fit-Tieni Gwerra Dinjija billi laqa’ fih il-ħafna nies li ġew jistkennu mill-qilla tal-għadu, kien hemm il-patrijiet Karmelitani li ġew mill-Kunvent ta’ Bormla wara li l-kunvent ġarrab xi ħsara.
Tifkira ta’ dak iż-żmien ukoll insibu bosta xelters fejn in-nies kienu joqogħdu waqt l-attakki mill-ajru. Barra minn hekk il-Ħamrun sar ċentru ta’ attività governattiva. Matul dak iż-żmien bosta binjiet fil-Ħamrun bidlu l-funzjoni tagħhom. Kien hemm minnhom li spiċċaw qorti u anke sptarijiet.
Matul il-perjodu Ingliż f’Malta, il-Ħamrun ħa spinta ’l quddiem f’diversi setturi fosthom fl-industrija, il-kummerċ u n-negozju. Kien matul dan il-perjodu wkoll li minn post kollu għelieqi bdew jinbnew ħafna djar tant li wassal li jsir parroċċa għal rasu. Meta fit-28 ta’ Frar, 1883, ġiet inawgurata l-ferrovija mill-Gvernatur Borton, l-aktar stazzjon importanti li kellha din intrapriża kien fil-Ħamrun. Minbarra stazzjon il-binja kienet tintuża bħala workshop fejn jissewwew l-inġenji kollha; imħażen fejn il-vaguni jirtiraw meta s-servizz tal-ġurnata jigi fi tmiemu u anki klassijiet fejn jitgħallmu l-inġinerija.
Illum f’dan il-bini nsibu l-magna tal-ħalib u l-iscouts tal-Ħamrun. F’dan l-istess perjodu f’Malta nibtu s-swali ċinematografiċi jew iċ-ċinemas, u hawnhekk insibu għadd ta’ postijiet li għamlu isem kbir f’dan il-qasam fi ftit taż-żmien, bħalma kienu l-Hollywood; ir-Radio City; San Remo; l-Odeon u oħrajn. Sfortunatament ħafna mill-bini li kienu jintużaw bħala ċinema llum twaqqgħu biex jagħmlu wisgħa għall-bini ġdid.
Kien propju fl-istess perjodu meta l-Ħamrun sar ċentru għal industriji żgħar, fejn, fost l-oħrajn, kien hawn il-manifattura tal-madum u tal-għamara; xogħol tal-qasab; il-produzzjoni tal-birra u x-xorb minerali u l-produzzjoni tal-ħalib. Fil-biċċa l-kbira tagħhom spiċċaw u l-lokalità saret waħda aktar kummerċjali fejn insibu bosta ħwienet ta’ kull ġeneru. Insibu wkoll il-kwartieri ta’ diversi għaqdiet u partiti politiċi.
Il-Ħamrun huwa magħruf ukoll fil-qasam sportiv fejn ħa ħafna unuri f’bosta sports differenti. Meta jissemma’ l-Ħamrun ma jistax ma tissemmiex il-mużika billi hawn tliet każini tal-banda, bi tnejn minnhom kellhom il-bidu tagħhom fil-perjodu tal-Ingliżi f’Malta.
Wara li Malta saret Indipendenti, u aktar tard Repubblika, in-negozju u l-kummerċ kompla jiżviluppa. Illum ma għadux dak li kien sittin jew sebgħin sena ilu hekk kif bil-progress li għadda minnu, b’ħeffa kbira sar iħabbatha mal-Belt Valletta. Fih insibu ħwienet ta’ lussu u ta’ ġeneri oħra li għamlu lill-abitanti tiegħu jgħixu fil-kumdità ta’ darhom mingħajr il-ħtieġa li jmorru ‘l bogħod għall-ħtiġijiet ta’ kuljum.
Il-Qaddis San Gejtanu huwa sinonimu mal-Ħamrun, fejn minbarra d-devozzjoni li l-Ħamruniżi għandhom lejh, tiġi ċelebrata waħda mill-akbar festi f’Malta li għaliha jattendu ħafna nies biex jaraw l-marċi brijużi kbar li jsiru.
Fil-Ħamrun għex u għallem il-kelma t’Alla l-ewwel Qaddis Malti, San Ġorġ Preca, li ħalla ġid kbir warajh kemm bit-tagħlim u kemm bis-soċjetà tad-duttrina li waqqaf fil-Ħamrun li wara nxterded ma’ Malta kollha u anke f’pajjiżi barranin.